Bħala Komunità Karmelitana,
aħna ngħixu l-ħajja tagħna ta' talb, fraternità
u kontemplazzjoni fost il-poplu bis-servizz
pastorali tagħna li ma jillimitax ruħu għal tip
wieħed ta' ħidma imma għal ħafna differenti minn
xulxin. Dan huwa l-orarju tat-talb tagħna. Nitolbukom
biex ma titolbux is-servizz pastorali tagħna
fil-ħinijiet li huma riservati għat-talb u l-fraternità
tagħna bħala komunità Karmelitana.
07:15am Tifħir ta' Sbiħ il-Jum
12:00pm Ruzarju, Ufficcju tal-Qari u Talba
ta' nofs il-Jum.
04:00pm Celebrazzjoni ta' l-Ghasar.
Kull nhar t' Erbgha:
Quddiesa konventwali fis-6:30pm u funzjoni tas-Salve.
Kull nhar ta' Sibt (minbarra f'Ottubru)
Funzjoni tas-Salve qabel il-quddiesa
tal-5:30pm.
Ir-Regula ta' l-Ordni ta' l-Aħwa ta'
l-Imqaddsa Verġni Marija ta'
l-Għolja tal-Karmelu
(Ritratt tat-test oriġinali)
Din hija r-Regula
uffiċċjali ta' l-Ordni
Karmelitan, magħrufa bħala "Regula
definittiva", jiġifieri l-Għamla
ta' Ħajja miktuba minn
Sant'Albert bejn l-1206 u l-1214
u mitigata mill-Papa Innoċenzu
IV fl-1247.[1]
Albertu, imsejjaħ mill-grazzja
ta' Alla, Patrijarka tal-Knisja
ta' Ġerusalemm, lill-ulied
maħbuba fi Kristu, B[rokard] u
lill-eremiti l-oħra li jgħixu
taħt l-ubbidjenza tiegħu, ħdejn
il-għajn fil-Għolja tal-Karmelu,
is-sliem fil-Mulej u l-barka ta'
l-Ispirtu s-Santu.
[2]
Ħafna drabi u b'ħafna manjieri,
is-Santi Padri iddeċidew b'liema
mod kull wieħed – ikun f'liema
Ordni jkun, jew tkun liema tkun
il-għamla ta' ħajja reliġjuża li
jkun għażel – għandu jgħix
f'ubbidjenza lejn Ġesù Kristu u
fedelment jaqdih b'qalb safja u
b'kuxjenza tajba.
[3]
B'danakollu, ladarba qegħdin
titolbuna, nagħtukom għamla ta'
ħajja li taqbel ma' l-ideal
tagħkom, lilha għandkom tħarsu
minn issa 'l quddiem.
[4]
Nordnaw l-ewwelnett li jkollkom
wieħed minnkom bħala pirjol li
jintgħazel għal dan l-uffiċċju
bil-kunsens ta' kulħadd jew
tal-parti l-kbira u l-aktar
għaqlija; lilu, kull wieħed
mill-oħrajn iwiegħed ubbidjenza
u jfittex iħares il-wegħda
bis-sewwa ta' l-għemil flimkien
mas-safa u ċ-ċaħda ta' kulma
għandu.
[5]
Tistgħu toqogħdu fl-eremitaġġ
jew fejn jagħtukom, basta jkun
xieraq u jgħodd għall-ħarsien
tal-ħajja reliġjuza tagħkom,
skond kif il-pirjol u l-aħwa
jidhrilhom li jkun jaqbel.
[6]
Barra minn hekk, skond il-qagħda
tal-post fejn għażiltu li
toqogħdu, kull wieħed minnkom
ikollu kamra waħda maqtugħa
mill-oħrajn li tingħata lil kull
wieħed skond kif jidhirlu l-pirjol
innifsu bi ftehim ma' l-aħwa l-oħra
jew mal-parti l-aktar għaqlija.
[7]
B'danakollu, dak li taqilgħu
għall-ikel, għandkom tiħduh
flimkien, f'refettorju wieħed,
waqt li jekk jista' jkun,
tisimgħu xi qari mill-Kotba
Mqaddsa.
[8]
L-ebda reliġjuż ma jista',
mingħajr il-permess tal-pirjol
li jkun fil-kariga, ibiddel
il-kamra mogħtija lilu jew
jibdilha ma' ta' ħaddieħor.
[9]
Il-kamra tal-pirjol tkun ħdejn
id-daħla tal-post fejn toqogħdu,
sabiex huwa jkun l-ewwel li
jilqa' lil min jiġi f'dan il-post
u mbagħad dak kollu li għandu
jsir isir skond il-fehma u r-rieda
tiegħu.
[10]
Kull wieħed għandu joqgħod
f'kamartu jew ħdejha, lejl u
nhar jaħseb fuq il-Liġi
tal-Mulej u jishar fit-talb,
sakemm ma jkunx mehdi fi ħwejjeġ
oħra ta' siwi.
[11]
Dawk li jafu jgħidu t-Talb
tas-Sigħat mal-kjerċi, għandhom
jgħiduh skond id-dispożizzjonijiet
tas-Santi Padri u d-drawwa
mwettqa mill-Knisja. Dawk li ma
jafuhx, fis-sahra ta' bil-lejl,
jgħidu ħamsa u għoxrin Missierna,
barra l-Ħdud u l-festi solenni
li fl-uffiċċju tagħhom ta'
bil-lejl l-għadd imsemmi rridu
li jkun daqshekk darb'oħra, hekk
illi l-Missierna tingħad għal
ħamsin darba. Din it-talba
tingħad għal seba' darbiet fit-talb
ta' filgħodu. Fis-sigħat l-oħra
tingħad ukoll l-istess talba
għal seba' darbiet f'kull siegħa,
barra mill-uffiċċju ta'
filgħaxija li fih għandkom
tgħiduha għal ħmistax-il darba.
[12]
Ħadd mill-aħwa ma jgħid li
għandu xi ħaġa tiegħu, imma
kollox ikun komuni fostkom u
jitqassam minn idejn il-pirjol
jew minn xi reliġjuż maħtur
minnu għal dan l-uffiċċju, waqt
li jagħti kas ta' l-età u l-ħtiġijiet
ta' kull wieħed.
[13]
Tistgħu wkoll iżżommu xi ħmir
jew bgħula, skond kif il-ħtieġa
tagħkom titlob, u trabbu xi
annimali jew tjur.
[14]
Sabiex ikun aktar adattat, l-oratorju
għandu jinbena f'nofs iċ-ċelel;
fih, mas-sebħ, għandkom tinġabru
kuljum, meta jkun possibbli,
ħalli tisimgħu l-quddiesa.
[15]
Fil-Ħdud jew fi ġranet oħra,
meta jkun meħtieġ, iddiskutu fuq
l-osservanza ta' l-ordinament
tal-ħajja u s-salvazzjoni ta'
ruħkom, u fl-istess ħin in-nuqqasijiet
u l-ħtijiet ta' l-aħwa, jekk
jinstabu f'xi ħadd, jiġu
kkoreġuti bl-imħabba.
[16]
Għandkom issumu kuljum, minbarra
l-Ħdud, mill-festa ta' l-Eżaltazzjoni
tas-Salib sa Ħadd il-Għid,
sakemm il-mard jew id-dgħufija
tal-ġisem, jew xi raġuni oħra
ġusta, ma jitolbux li s-sawma
tinkiser; għax il-bżonn ma
għandux liġi.
[17]
Laħam la tiklux, jekk mhux bħala
kura għall-mard u għan-nuqqas ta'
saħħa. U billi ta' sikwit
jeħtiġilkom tittalbu meta tkunu
qegħdin tivjaġġaw, barra mill-kunvent
tagħkom, tistgħu tieħdu ikel
imsajjar bil-laħam biex ma
tkunux ta' pis għal min
jilqagħkom; fuq il-baħar tistgħu
tieklu l-laħam ukoll.
[18]
Ladarba l-ħajja tal-bniedem fuq
l-art hija ħajja ta' tiġrib u
dawk kollha li jridu jgħixu
tajjeb fi Kristu jsofru t-tbatija,
u billi l-għadu tagħkom, ix-xitan,
idur madwarkom bħal iljun
jgħajjat, ifittex lil min jibla',
għandkom tħabirku bl-akbar ħeġġa
li tilbsu l-armi ta' Alla sabiex
tistgħu żżommu sħaħ quddiem it-tnassis
ta' l-għadu.
[19]
Ħażżmu ġenbejkom bil-ħżiem
tas-safa; saħħu qlubkom bi
ħsibijiet qaddisa għax hemm
miktub: "Il-ħsieb qaddis iħarsek."
Ilbsu l-kurazza tal-ġustizzja
sabiex tħobbu lill-Mulej Alla
tagħkom b'qalbkom kollha,
b'ruħkom kollha u bil-ħila
kollha u 'l-proxxmu tagħkom
bħalkom infuskom. Żommu f'kollox
it-tarka tal-fidi ħalli biha
tkunu tistgħu titfu l-vleġeġ
tan-nar kollha tax-xitan:
għaliex mingħajr il-fidi ma
jistax ikun li togħġbu 'l Alla.
Xiddu f'raskom l-elmu tas-saħħa
sabiex tistennew il-ħelsien
mingħand il-Feddej waħdieni li
jifdi l-poplu tiegħu minn
dnubietu. Is-sejf tar-ruħ hu l-Kelma
t'Alla; ħa tgħammar bil-kotra
fil-fomm u fil-qalb tagħkom u
kulma tagħmlu, agħmluh skond
il-Kelma tal-Mulej.
[20]
Għandkom tagħmlu xi biċċa xogħol
ħalli x-xitan isibkom dejjem
mehdija, li ma jirnexxilux isib
fil-għażż tagħkom xi daħla minn
fejn jidħol f'ruħkom. Għandkom
hawnhekk it-tagħlim kif ukoll l-eżempju
ta' San Pawl Appostlu, li
b'fommu kien jitkellem Kristu, u
li nħatar u ngħata minn Alla
bħala xandar u għalliem tal-fidi
u tas-sewwa lill-ġnus u jekk
timxu warajh ma jistax ikun li
titqarrqu: "Meta konna fostkom,"
jgħid huwa, "lejl u nhar ħdimna
u tħabatna u batejna biex ma
nkunu ta' pis għal ħadd minnkom.
Imxejna hekk mhux għaliex ma
għandniex dritt li żżommuna
intom, imma ridna nagħtukom
eżempju biex timxu fuqu. Meta
konna fostkom aħna ordnajnielkom
li jekk xi ħadd ma jridx jaħdem,
dan anqas ma għandu jiekol. Issa
aħna smajna li hemm xi wħud
fostkom li qed jitgħażżnu;
mhumiex jaħdmu, imma qed jinħlew
fix-xejn. Lil dawn in-nies
nordnawlhom u nwissuhom, f'isem
Sidna Ġesù Kristu, biex jaħdmu
bil-kwiet u għixienhom jaqilgħuh."
Din it-triq hija qaddisa u tajba:
imxu fiha.
[21]
L-Appostlu mbagħad jirrikkmanda
s-skiet x'ħin amar li x-xogħol
isir bil-kwiet; u kif il-Profeta
jixhed: il-ħarsien tal-ġustizzja
huwa s-skiet; u wkoll: fis-skiet
u fit-tama tkun il-qawwa tagħkom.
Għalhekk nistabbilixxu li minn
x'ħin tingħad il-kompjeta,
iżżommu s-skiet sakemm tgħidu
l-Prima ta' l-għada.
Fil-ħinijiet l-oħra, għalkemm
huwa permess li ma jkunx hemm
ħarsien kbir tas-skiet,
b'danakollu ta' min joqgħod
attent mill-ħafna kliem żejjed
għax kif hemm miktub u kif
tgħallem l-esperjenza: "fil-kliem
żejjed id-dnub ma jonqosx" u
"min ipaċpaċ kif ġie ġie,
iġarrab id-deni"; ukoll: "min
jgħid wisq, jagħmel ħsara lil
ruħu." U l-Mulej fl-Evanġelju
jgħid: "Ta' kull kelma żejda li
jgħidu l-bnedmin, iridu jagħtu
kont tagħha f'jum il-ħaqq."
Għalhekk, kull wieħed jagħmel
miżien għal kliemu u jrażżan
sewwa fommu li ma jmurx jiżloq
minħabba f'ilsienu, u l-waqgħa
ma jqumx minnha sal-mewt. Kull
wieħed iħares mal-Profeta l-imġieba
tiegħu ħalli ma jonqosx
b'ilsienu u jfittex li,
bir-reqqa u bl-attenzjoni
josserva s-skiet li fih hemm
il-ħarsien tal-ġustizzja.
[22]
U inti, ħija B[rokard], u kull
min warajk jinħatar pirjol,
żommu dejjem f'moħħkom u wettqu
bl-għemil dak li l-Mulej jgħid
fl-Evanġelju: "Kull min irid
ikun il-kbir fostkom għandu jkun
il-qaddej tagħkom u kull min
irid ikun l-ewwel fostkom, ikun
l-ilsir ta' kulħadd."
[23]
Intom ukoll, l-aħwa l-oħra,
weġġħu bl-umiltà lill-pirjol
tagħkom waqt li ġġibu quddiemkom
aktar milli lilu, lil Kristu li
qiegħdu fuqkom u li jgħid
lill-kapijiet tal-Knisja: "Min
jisma' minnkom, jisma' minni;
min imaqdar lilkom, imaqdar lili,"
sabiex ma jsirx ħaqq minnkom
għax inqastu imma talli obdejtu
jkun jistħoqqilkom il-ħlas
tal-ħajja ta' dejjem.
[24]
Ktibnielkom dan fil-qosor billi
tajniekom għamla ta' ħajja ħa
timxu fuqha. Jekk xi ħadd
jagħmel iktar minn dan, il-Mulej
innifsu, meta jiġi għall-ħaqq,
iħallsu; b'danakollu ta' min
juża l-prudenza għax hi li
tmexxi kull virtù.
Il-Kariżma
tal-Karmelitani
KONTEMPLAZZJONI,
FRATERNITÀ, APPOSTOLAT
Sa mill-bidunett
tagħha, fil-Knisja
dehru rġiel u nisa
li fittxew jimxu
wara Kristu u jsiru
jixbħuh aktar mill-qrib
b'ħajja mogħtija lil
Alla bit-taħriġ
tagħhom fil-kunsilli
evanġeliċi. Kienu
nsara li mdawlin
mill-Ispirtu s-Santu
taw bidu għall-ħajja
reliġjuża, li
mbagħad il-Knisja
laqgħethom u
approvathom
bl-awtorità tagħha.
Għalkemm illum
fil-Knisja jeżistu
bosta Ordnijiet u
Kongregazzjonijiet
tar-reliġjużi,
ilkoll imwaqqfin
għal xi skop
speċifiku, fosthom
insibu ħafna ħwejjeg
li huma l-istess,
bħal ngħidu aħna:
il-wegħdiet
tal-kastità
konsagrata,
tal-faqar u ta' l-ubbidjenza,
it-talb liturġiku,
it-tixrid tas-Saltna
ta' Alla, kif ukoll
li jgħixu flimkien
f'għaqda ta' mħabba
fraterna.
Fost l-Ordinijiet
reliġjużi l-aktar
magħrufa nsibu l-Agostinjani,
id-Dumnikani,
il-Ġizwiti, is-Sależjani,
il-Franġiskani u l-Karmelitani.
Il-Franġiskani huma
maqsuma fi tliet
Ordnijiet:
Konventwali,
Kapuċċini u Minuri,
filwaqt li l-Karmelitani
huma maqsumin fi
tnejn: 1) l-Ordni
Karmelitan imsejjaħ
ta' l-Antika
Osservanza (jiġifieri
l-Ordni tal-bidu)
bl-isem uffiċċjali
L-Ordni ta' l-Aħwa
ta' l-Imqaddsa
Verġni Marija ta' l-Għolja
tal-Karmelu,
fil-qosor O.Carm.,
mill-kelmiet latini
Ordinis Carmelitarum;
u 2) l-Ordni
tal-Karmelitani
Skalzi bl-isem
uffiċċjali L-Ordni
ta' l-Aħwa Skalzi ta'
l-Imqaddsa Verġni
Marija ta' l-Għolja
tal-Karmelu,
fil-qosor O.C.D.,
mill-kelmiet latini
Ordinis Carmelitarum
Discalceatorum. Dawn
ta' l-aħħar huma
magħrufa wkoll bħala
t-Tereżjani,
għall-fundatriċi
tagħhom
il-Karmelitana Santa
Tereża ta' Ġesù.
Għalkemm fil-passat
ir-relazzjonijiet
bejn iż-żewġ
Ordnijiet kienu xi
ftit diffiċli,
fil-preżent għandna
relazzjonijiet
fraterni
inkoraġġanti,
imsaħħin b'laqgħat,
attivitajiet u
proġetti komuni kemm
fuq livell
nazzjonali u wkoll
internazzjonali. Ta'
min jgħid ukoll li
barra dawn iż-żewġ
Ordnijiet
Karmelitani antiki,
fil-Knisja jeżistu
Kongregazzjonijiet
oħra li jsejħu
lilhom infushom
Karmelitani għax
jimxu fuq l-istess
spirtu tal-Karmelu.
Waħda minnhom, li
f'Malta ma għandniex
membri tagħha, hija
l-Karmelitani ta'
Marija Immakulata
(CMI - Carmelites of
Mary Immaculate)
imwaqqfa fl-Indja
fl-1831.
Wara l-Konċilju
Vatikan II il-Knisja
bdiet tħares lejha
nfisha bħala poplu
magħżul, bħala
merħla żgħira, bħala
ħmira f'għaġna kbira,
bil-missjoni li
twassal il-messaġġ
tas-Saltna ta' Alla
mxandar minn Ġesù
Kristu.
Bil-magħmudija aħna
l-insara nsiru parti
minn din il-Knisja u
nibdew nieħdu sehem
mill-missjoni tagħha.
Permezz tal-kunsilji
evanġeliċi (safa,
faqar u ubbidjenza),
ir-reliġjużi
Karmelitani
jintrabtu li jimxu
wara Ġesù Kristu
b'mod radikali,
billi jitbattlu għal
kollox minhom
infushomm biex
jimtlew b'Alla.
F'din l-għotja sħiħa
lill-Mulej, filwaqt
li jħallu l-Ispirtu
ta' Alla jmexxihom
fejn irid hu,
ifittxu li
jiċċentraw ħajjithom
fuq tliet valuri
fundamentali:
a)
jgħixu bla
heda fil-preżenza ta'
Alla (kontemplazzjoni)
Sa mill-bidunett,
kif tixhed ir-Regula,
l-aħwa tal-Karmelu
għażlu li jimxu fuq
għamla ta' ħajja
kontemplattiva, kemm
fl-istrutturi kif
ukoll fil-valuri
fundamentali tagħha.
Din
il-kontemplazzjoni
tikkonsisti filli
wieħed jinfetaħ għal
Alla, li hu preżenti
kullimkien u lest
biex jiltaqa’ magħna,
u jħallih jibdillu
ħajtu f'waħda li
taqbel mar-rieda
tiegħu.
b) jgħixu u
jibnu ħajja ta' aħwa
bejniethom (fraternità)
Il-hajja komunitarja
mfassla mir-Regula
hija mibnija fuq l-ewwel
komunità nisranija
ta' Ġerusalemm. Il-Karmelitani,
li kontinwament
jgħixu
fil-kontemplazzjoni,
l-ewwel u qabel
kollox 'l Alla
jsibuh f'ħuthom
stess. Imsaħħin
mill-qawwa tiegħu
huma jfittxu li
jikbru flimkien u
jaqsmu ma' xulxin
il-valuri
tal-fraternità
f'kull mument ta'
ħajjithom.

c) jgħixu fost
il-poplu u
għall-qadi tiegħu (appostolat)
Mal-wasla tiegħu fl-Ewropa,
l-Ordni Karmelitan
beda jifforma parti
mill-Ordnijiet
Mendikanti,
jiġifieri mill-Ordnijiet
ta' ħajja evanġelika
u appostolika. Bħala
fraternità
kontemplattiva,
il-Karmelitani jsibu
wkoll il-preżenza ta'
Alla fil-bnedmin ta'
madwarhom u
fil-ġrajjiet tagħhom
ta' kuljum.
Għaldaqstant huma
jħossuhom imsejħin
biex bħal Kristu
jwasslu l-Aħbar it-Tajba
tas-salvazzjoni
lill-bnedmin kollha.
Hekk, ir-Regula
Karmelitana, filwaqt
li lil dawk li
jħaddnuha u jgħixuha
fuq l-eżempju ta'
Elija u Marija
tbiddlilhom
ħajjithom u
r-relazzjonijiet
tagħhom m'Alla u ma'
ħuthom il-bnedmin,
hija twassalhom biex
jilħqu l-milja
tagħhom fi Kristu.