L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb
tal-Proverbji
Prov 8, 22-31
Dan jgħid il-Għerf
ta’ Alla:
“Il-Mulej
kellu lili sa mill-bidu ta’ għemilu,
sa minn qabel
l-eqdem għemejjel tiegħu.
Sa minn dejjem
twaqqaft, mill-bidu, qabel ma nbdiet id-dinja.
Kien għad m’hemmx l-ibħra l-kbar,
meta tnissilt jien,
kien għad m’hemmx għejun inixxu l-ilma;
qabel ma tqiegħdu
l-muntanji, qabel l-għoljiet jien twelidt.
Kien għadu ma għamilx l-art bir-raba’ tagħha,
u lanqas l-ewwel
traba tal-art.
Meta ħejja s-smewwiet
jien kont hemm,
meta ħażżeż dawra fuq wiċċ
il-baħar kbir,
meta saħħaħ is-smewwiet hemm fuq,
u qiegħed fis-sod
in-nixxigħat ta’ qiegħ
il-baħar;
meta ħażżeż trufijiet il-baħar, biex l-ilmijiet ma jaqbżux trufhom;
meta qiegħed sisien
l-art,
jien kont maġenbu bħala tfajjel, l-għaxqa tiegħu,
jum wara ieħor,
nitliegħeb il-ħin
kollu quddiemu;
nitliegħeb fuq
l-art imħejjija għall-bnedmin,
nitgħaxxaq b’ulied
il-bnedmin”.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 8,
4-5.6-7.8-9
RIT: Mulej, Sid tagħna,
kemm hu kbir ismek fl-art kollha!
Inħares lejn
is-smewwiet, għemil subgħajk,
il-qamar u l-kwiekeb li
int qegħedt fihom!
X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih,
bin il-bniedem, biex
taħseb fih?
RIT
.
Ftit inqas mill-allat għamiltu,
bis-sebħ u l-ġmiel
żejjintu,
qegħedtu fuq
l-għemejjel kollha ta’
jdejk!
RIT
.
Kollox taħt riġlejh qegħedtlu:
in-nagħaġ u l-baqar kollha, sal-bhejjem
tax-xagħri;
l-għasafar tal-ajru
u l-ħut tal-baħar,
dak kollu li jterraq
fil-baħar.
RIT .
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl
Appostlu lir-Rumani
Rum 5,
1-5
Ħuti, issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla, permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu; permezz tiegħu għandna d-dħul bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin. Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla. Mhux biss
dan: imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li s-sofferenza ġġib is-sabar, is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama. U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti
lilna.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah.
Hallelujah
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,
lill-Mulej Alla,
li hu, u li kien, u li għad
irid jiġi.
Hallelujah
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju
skont San Ġwann
Ġw 16, 12-15
F’dak iż-żmien,
Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu,
l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni.
Hu jagħtini glorja,
għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu
li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom”.
Il-Kelma tal-Mulej.