L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Dewt 8, 2-3.14b-16a
F’dak iż-żmien, Mosè kellem lill-poplu
u qal: ”Ftakar
fil-mixja kollha
li mexxiek il-Mulej, Alla tiegħek,
matul dawn l-erbgħin
sena
fid-deżert, biex iċekknek u jġarrbek, ħalli jkun jaf x’għandek
f’qalbek,
jekk tridx toqgħod
għall-kmandamenti tiegħu
jew le.
Huwa ċekknek, ried li tbati l-ġuħ, imbagħad temgħek il-manna,
li la int u lanqas missirijietek ma kontu qatt tafu biha,
biex jurik li
mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’dak
kollu li joħroġ minn
fomm il-Mulej, b’dan jgħix il-bniedem.
Qis li ma titkabbarx qalbek u tinsa l-Mulej, Alla tiegħek,
li ħarġek
mill-art ta’ l-Eġittu,
mill-art tal-jasar. Hu li mexxiek
fid-deżert kbir u
jwaħħax, mimli sriep
velenużi u skorpjuni,
art niexfa bla ilma xejn, li
ħariġlek l-ilma mill-blata taż-żnied, li temgħek il-manna fid-deżert,
li missirijietek ma kienu jafu biha
xejn.Il-Kelma tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 146
RIT: Sebbaħ, Ġerusalemm, lill-Mulej
Sebbaħ, Ġerusalemm, lill-Mulej;
faħħar lil Alla
tiegħek, Sijon!
Hu jsaħħaħ l-istaneg tal-bibien tiegħek,
u jbierek ġewwa fik lil uliedek.
RIT.
Hu jqiegħed fis-sliem it-trufijiet ta’ artek,
u lilek bl-aħjar qamħ ixebbgħek.
Hu jibgħat fuq l-art il-kmand tiegħu;
bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.
RIT.
Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,
il-liġijiet u d-digrieti tiegħu lil Iżrael.
Ma għamel hekk ma’ ebda poplu;
lil ħadd ma għarraf id-digrieti tiegħu.
RIT.
IT-TIENI QARI
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
1 Kor 10, 16-17
Ħuti, il-kalċi mbierek li fuqu ngħidu l-barka m’huwiex għaqda
mad-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li naqsmu m’huwiex għaqda
mal-ġisem ta’ Kristu? Għax la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna,
aħna ġisem wieħed; ilkoll kemm aħna nieħdu sehem minn ħobża
waħda.
Il-Kelma tal-Mulej.
Sekwenza
Faħħar, Sijon, lill-Feddej,
ir-ragħaj tiegħek u l-mexxej,
bl-innijiet u bl-għana.
Ibqa’ faħħru daqs kemm tista’,
għax Hu ’l fuq minn kull tifħir,
qatt ma tfaħħru kemm jistħoqqlu.
Għat-tifħir ħaġa tal-għaġeb,
il-ħobż ħaj li jagħti l-ħajja,
hawn quddiemna f’dan il-jum.
Dak il-ħobż li fuq il-mejda,
lill-appostli fl-ikla mqaddsa,
kien ingħata biex jikluh.
Ikun sħiħ it-tifħir tiegħek,
b’qalb ferrieħa, b’leħen għoli,
ikun jixraq ferħ
ir-ruħ.
Għax dal-jum ta’ festa kbira,
ta’ dik l-ikla hu t-tifkira,
meta saret l-ewwel darba.
F’dina l-ikla s-Sultan tagħna,
l-Għid il-ġdid tal-liġi l-ġdida,
temm għal kollox l-Għid qadim.
Il-qadim twarrab
mill-ġdid,
dak li hu ġie flok ix-xbieha,
id-dawl biegħed
dlam il-lejl.
Dak li twettaq fl-aħħar ċena,
Kristu ried jibqa’
jiġġedded,
biex ikun tifkira
tiegħu.
Imgħallmin b’tagħlim imqaddes,
nibdlu l-ħobż u l-inbid tagħna
b’sagrifiċċju għas-saħħa tagħna.
Twemmin ġdid lilna l-insara,
li dal-ħobż jinbidel f’Ġisem,
u l-inbid jinbidel f’Demm.
Dak li ma tarax jew tifhem,
it-twemmin isaħħu u jwettqu,
fuq kull ordni
tan-natura.
Taħt xbihat fejn
aħna nilmħu
mhux il-ħajja, imma sinjali,
jinħbew ħwejjeġ hekk għeżież.
Ikel Ġismu, xorb hu Demmu;
iżda Kristu sħiħ
hemm moħbi
taħt kull waħda
mix-xbihat.
Sħiħ jittiekel Kristu kollu,
bla jitkisser, bla jitfarrak,
bla jinqasam minn min jieħdu.
Jieklu elf u jiekol wieħed,
kemm ħa dan, hekk jieħdu huma,
bla jintemm meta jittiekel.
Jieklu t-tajba, jieklu l-ħżiena;
imma ’l dawk iġib
il-ħajja,
lil dawn jixħet fit-telfien.
Mewt għall-ħżiena,
ħajja għat-tajba
ara kif jinbidel fihom,
għalkemm jieħdu l-istess ikel.
Meta l-Ostja tkun maqsuma,
la tibżax, imm’inti ftakar,
taħt ix-xbieha ta’ kull farka
hemm jinsab daqs
fl-Ostja sħiħa.
Ebda ksur ma jsir
fi Kristu;
biss ix-xbieha tkun miksura:
u b’dal-ksur xejn ma jitnaqqas
f’Dak li hu taħt din ix-xbieha.
Dan ħobż l-anġli, magħmul ikel
għall-bnedmin fit-triq tal-ħajja,
ikel bnin għall-ulied
kollha,
li m’għandux fix-xejn jintrema.
Bi xbihat kien ilu mħabbar,
f’dik l-offerta ta’ Iżakk,
fil-ħaruf li nqatel fl-Għid,
u fil-manna tad-deżert.
Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew,
Ġesù tagħna, ħenn għalina;
Int itmagħna u ħarisna:
Inti lilna l-ġid urina
fl-art imbierka tal-ħajjin.
Int li taf u tista’ kollox,
li titmagħna hawn f’dil-ħajja,
hemm agħmilna lkoll imsieħba,
f’għaqda waħda lkoll werrieta
mal-qtajjiet tal-qaddisin.
Amen. Hallelujah.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema, jgħid il-Mulej;
jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju
skont San Ġwann
Ġw 6, 51-58
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: ”Jiena hu l-ħobż
il-ħaj, li niżel
mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem.
U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.
Fuq hekk il-Lhud
tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’
dan jagħtina ġismu biex nikluh? Ġesù mela qalilhom: “Tassew,
tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u
ma
tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u
jixrob demmi għandu
l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet
fl-aħħar jum. Għax
ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu
tassew xorb.
Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija
u jiena fih. Bħalma
bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min
jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema;
m’huwiex bħal dak li kielu missirjietkom u mietu; min jiekol dan
il-ħobż jgħix għal dejjem.
Il-Kelma tal-Mulej.