L-EWWEL QARI

Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti ta’ l-Appostli

Atti 2, 14a.36-41

Nhar Għid il-Ħamsin, Pietru flimkien mal-Ħdax qam u qal lil-Lhud

b’leħen għoli: ”Ħa jkun jaf fiż-żgur il-poplu kollu ta’ Iżrael li lil dan

Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija.

Dan il-kliem li semgħu laqtilhom qalbhom, u qalu lil Pietru u

lill-appostli l-oħra: “L-aħwa, x’għandna nagħmlu aħna?

U Pietru weġibhom: “Indmu, u jitgħammed kull wieħed minnkom

fl-isem ta’ Ġesù Kristu għall-maħfra ta’ dnubietkom; u intom tirċievu

d-don ta’ l-Ispirtu s-Santu. Għax il-wegħda qiegħda għalikom u

għal uliedkom u għal dawk kollha li huma fil-bogħod, dawk kollha li

l-Mulej Alla tagħna sejħilhom.

U b’ħafna kliem ieħor tahom xhieda u wissiehom billi qalilhom:

Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin. Għalhekk dawk

li laqgħu kliemu tgħammdu u dak in-nhar ingħaqdu mad-dixxipli

madwar tlitt elef ruħ.

Il-Kelma tal-Mulej.


SALM RESPONSORJALI                     

Salm 22

RIT: Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi xejn ma jonqosni:

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi:

xejn ma jonqosni.

F’mergħat kollha ħdura jqegħedni,

ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni.

Hemm hu jrejjaqni.

RIT.

 

Imexxini fit-triq tas-sewwa

minħabba l-isem tiegħu.

Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,

ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,

huma jwennsuni.

RIT.

 

Inti tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli.

RIT.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta’ ħajti.

U ngħammar f’dar il-Mulej

sakemm indum ħaj!

RIT.

 


IT-TIENI QARI

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

1 Piet 2, 20b-25

Għeżież, jekk tagħmlu t-tajjeb u ssofru

t-tbatija bis-sabar, din tkun grazzja quddiem Alla.

Għal dan intom kontu msejħa,

għax Kristu wkoll bata għalikom

u ħallielkom eżempju,

biex timxu fuq il-passi tiegħu:

hu li ma kien għamel ebda dnub,

u ebda qerq ma nstab f’fommu,

meta għajruh ma weġibx bit-tagħjir,

meta bata ma heddidx

imma ħalla f’idejn l-Imħallef ġust.

Hu tgħabba bi dnubietna

sa fuq is-salib,

biex aħna mmutu għad-dnubiet,

u ngħixu għall-ġustizzja.

Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu.

Intom kontu bħal nagħaġ mitlufa,

imma issa rġajtu lura għand ir-ragħaj

u l-għassies ta’ ruħkom.

 

Il-Kelma tal-Mulej.


VERSETT
Hallelujah.
Hallelujah

Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;

jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi,

u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.

Hallelujah


L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

Ġw 10, 1-10

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: ”Tassew tassew ngħidilkom, min ma

jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn

naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu

r-ragħaj tan-nagħaġ.

Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u

hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom

barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u

n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed

barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma

jafuhx.

Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried

jgħidilhom biha.

Għalhekk Ġesù raġaqalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom li

l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma

ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena

hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u

joħroġ u jsib fejn jirgħa.

Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena

ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.

 

 

Il-Kelma tal-Mulej.