L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Għerf
Għerf 6, 12-16
L-għerf jiddi, bla qatt
ma jnemnem,
malajr jagħrfuh dawk li jħobbuh,
u jsibuh dawk
li jfittxuh.
Hu jħabrek
biex jidher lil dawk li jixtiquh.
Min ibakkar ifittxu, ma jitħabatx,
għax ħdejn biebu bilqiegħda jsibu.
L-aqwa ta’ l-għaqal hu li taħseb fl-għerf,
u min jishar għalih malajr jeħles mill-inkwiet.
L-għerf idur u jfittex lil dawk li jixirqulu,
kollu ħlewwa jidhrilhom fit-triq,
u jiltaqa’ magħhom f’kull ħsieb tagħhom.
Il-Kelma tal-Mulej.
Salm 62
RIT: Mulej, Alla tiegħi,
ruħi bil-għatx għalik
Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik,
għalik imxennaq jiena,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
RIT.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.
RIT.
Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;
ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa.
RIT.
Meta, mimdud fuq friexi, fik
niftakar,
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax inti kont
għajnuna għalija,
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
RIT.
IT-TIENI QARI
1 Tes 4, 13-18
Ma rridux li ma tkunux tafu, ħuti,
fuq il-mejtin biex ma ssewdux
qalbkom bħall-oħrajn li
ma għandhomx tama. Jekk
aħna nemmnu
li Ġesů miet u qam mill-imwiet, hekk ukoll
Alla jiġbor miegħu lil
dawk li raqdu f’Ġesů.
Dan ngħidulkom fuq il-kelma tal-Mulej,
jiġifieri li aħna
li nkunu
għadna hawn ħajjin
għall-miġja tal-Mulej,
ma mmorrux qabel dawk
li jkunu raqdu.
Għaliex il-Mulej innifsu mal-kmand, mal-leħen ta’
l-arkanġlu u t-tromba ta’ Alla, jinżel mis-sema, u dawk li jkunu mietu
fi Kristu jqumu
l-ewwel. Imbagħad aħna li nkunu ħajjin, li nkunu
għadna hawn, ninħatfu
magħhom fis-sħab biex niltaqgħu mal-Mulej
fl-ajru. Hekk inkunu dejjem
mal-Mulej.
Agħmlu l-qalb
lil xulxin b’dan il-kliem.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Ishru, mela, u kunu lesti,
għax qatt ma tistgħu
tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Mt 25,
1-13
F’dak iż-żmien, Ġesů qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola:
”Is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu
bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu
boloh u ħamsa għaqlin, għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma
ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ
iżda wkoll iż-żejt
fil-kwies. L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk
ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.
Imbagħad f’nofs
ta’ lejl instama’ min jgħajjat: “Ara l-għarus!
Oħorġu
ilqgħuh!” Dawk ix-xebbiet qamu
lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom.
Iżda l-boloh qalu
lill-għaqlin: “Agħtuna
ftit żejt minn tagħkom, għax
l-imsiebaħ tagħna jintfew.” Qabżu l-għaqlin u qalu: “Għandu mnejn
ma jibqax biżżejjed,
la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar morru
għand tal-ħanut u ixtru għalikom.”
Xħin dawk marru
biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti
daħlu
miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq. Saflaħħar
waslu wkoll
ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu: “Sinjur, Sinjur, iftħilna!” Iżda hu
weġibhom u qal: “Tassew,
ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.”
Ishru, mela,
għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.
Il-Kelma tal-Mulej.