L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb ta’
Bin Sirak
Sir 35, 12-14, 16-18
Il-Mulej hu mħallef,
u ma jħarisx lejn l-uċuħ.
Ma joqgħodx iħares
lejn wiċċ dak li jkun b’dannu
tal-fqir, u jagħti
widen għat-talba tal-magħkus.
Ma jagħlaqx widnejh
għat-talba bil-ħniena
tal-iltim, jew
tal-armla li tibki xortiha.
Min jaqdi mill-qalb lil Alla
jintlaqa’, u t-talba tiegħu titla’ m’ogħla s-sħab.
It-talba tal-umli
tinfed is-sħab,
u ma toqgħodx bi kwietha qabel tasal qrib
il-Mulej,
u ma tiqafx qabel mal-Għoli jagħti widen, u jagħti raġun lill-ġusti u jagħmel ħaqq.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 33
RIT: Il-fqajjar
sejjaħ il-Mulej, u semgħu.
Kull ħin inbierek il-Mulej,
Tifħiru dejjem
f’fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi,
Jisimgħu l-fqarin u jifirħu!
Rit…
Il-ħarsa tal-Mulej kontra l-ħżiena,
Biex iħassar minn fuq
l-art tifkirithom.
Igħajtu l-ġusti għall-għajnuna, u l-Mulej
jismagħhom,
U mid-dwejjaq
kollha tagħhom jeħlishom.
Rit…
Qrib il-Mulej lejn dawk li qalbhom
maqsuma,
Isalva lil
ta’ ruħhom mgħaffġa.
Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu;
Kull min jistkenn fih ma jkollux ħtija xi jħallas.
Rit…
IT-TIENI QARI
Qari mit-Tieni
Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lil Timotju.
2 Tim 4, 6-8, 16-18
Għażiż, 6demmi ġa mxerred
b’sagrifiċċju, u żmien
it-tluq tiegħi wasal. Tqabadt it-taqbida
t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.
Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-Jum iħallasni
l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma
wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu.
Fl-ewwel difiża tiegħi ħadd ma kien miegħi; kulħadd ħallieni. Jalla ma jkunx magħdud kontrihom! Imma l-Mulej waqaf miegħi
u tani
l-qawwa biex bis-saħħa tiegħi l-kelma tixxandar sal-aħħar u
l-ġnus kollha jisimgħuha. Hekk jien sfajt meħlus
minn ħalq
l-iljun.
Il-Mulej jeħlisni
minn kull
deni u jħarisni, sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema. Glorja lilu għal
dejjem ta’ dejjem! Ammen.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Alla kien li ħabeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
Hallelujah.
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa.
Lq18, 9-14
F’dak iż-żmien, kien
hemm uħud li kienu jafdaw fihom
infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola:
”Żewġt
irġiel, wieħed fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu:
“O Alla, niżżik
ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal
dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa
u nħallas l-għexur
ta’ kulma ndaħħal.”
Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’
għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid:
“O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!”
Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel
id-dar iġġustifikat. Għax kull
min jitkabbar, jiċċekken;
u min jiċċekken, jitkabbar.”
Il-Kelma tal-Mulej.