L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Ġen 12, 1-4a
F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil
Abram:
“Qum u itlaq minn artek, minn
art twelidek,
u minn dar
missierek,
lejn l-art li jien nurik.
U jien nagħmlek
ġens kbir,
inbierkek u nkabbarlek ismek,
u int tkun
barka.
Jien inbierek lil min ibierkek,
u nisħet lil min jisħtek.
U jitbierku bik it-tribujiet
kollha ta’ l-art.
U telaq
Abram kif kien qallu l-Mulej.
Il-Kelma tal-Mulej.
SALM
RESPONSORJALI
Salm 32
RIT: Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna
Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art.
RIT…
Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk
li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw
fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ.
RIT…
Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej,
it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna.
RIT…
IT-TIENI QARI
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju
2 Tim 1,
8b-10
Għażiż, aqsam miegħi
t-tbatija għall-Evanġelju,
u afda fil-qawwa ta’
Alla, li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux għax
qies
l-għemejjel tagħna, imma skond il-pjan
tiegħu stess u skond il-grazzja
tiegħu. Din il-grazzja tahielna qabel iż-żmien ta’ l-eternità
fi Kristu
Ġesù, imma dehret
issa permezz tad-dehra tas-Salvatur tagħna
Kristu Ġesù li qered il-mewt, u dawwal il-ħajja bla tmiem permezz
ta’ l-Evanġelju.
Il-Kelma tal-Mulej.
VERSETT
Glorja u tifħir lilek, Kristu
Fi sħaba kollha dawl, leħen
il-Missier instema’:
“Dan hu
Ibni l-għażiż
li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.
Glorja u tifħir lilek, Kristu
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Mt 17, 1-9
F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil ħuh
Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja
weħidhom, u tbiddel
quddiemhom. Wiċċu sar jiddi
bħax-xemx, u lbiesu sar abjad
bħad-dawl. U dehrulhom
Mosè u Elija jitħaddtu miegħu.
Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu
sew li aħna hawn!
Jekk trid intella’
hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè
u waħda għal Elija. Kif kien għadu
jitkellem, sħaba
kollha dawl
għattiethom, u minn ġos-sħaba
nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni
l-għażiż, li fih sibt
l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.
Id-dixxipli,
kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’.
Ġesù resaq lejhom,
messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux.
Huma refgħu
għajnejhom u ma raw lil
ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.
Huma u neżlin minn fuq
il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom:
“Tgħidu lil ħadd b’din
id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam
mill-imwiet.
Il-Kelma tal-Mulej.