L-EWWEL QARI

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

1 Slat 3, 5.7-12

F’dak iż-żmien f’Gibgħon il-Mulej deher lil Salamun fil-ħolm bil-lejl.

Itlobni x’nagħtik, qallu Alla.

U wieġbu Salamun: “Mulej, Alla tiegħi, lili, qaddej tiegħek, għadek

kemm qegħedtni sultan flok David missieri. Iżda jiena għadni

daqsxejn ta’ żagħżugħ, bla ma naf mnejn għandi ngħaddi. Il-qaddej

tiegħek sab ruħu f’nofs dan il-poplu li int għażilt, poplu hekk kotran

li ħadd ma jistajgħoddu jew iqisu. Agħti, għalhekk, lill-qaddej

tiegħek moħħ ħafif biex jifhem, biex jistajmexxi l-poplu tiegħek, u

jagħraf it-tajjeb mill-ħażin; għax inkella min jasal biex imexxih, dan

il-poplu tiegħek ta’ kotra hekk kbira?

Il-Mulej ħa gost li Salamun talab dil-ħaġa. Għalhekk qallu Alla:

Ladarba tlabt din il-ħaġa, u ma tlabtnix għomor twil, jew għana,

jew il-ħajja ta’ l-għedewwa tiegħek - iva, talli tlabt li tagħraf tifhem

kif għandek tmexxi - hawn jien se nagħmel kif għedt int. Qed

nagħtik moħħ għaref u għaqli, hekk li ħadd qablek ma kien hawn

bħalek, u anqas warajk ma jkun hawn.

Il-Kelma tal-Mulej.


SALM RESPONSORJALI                     

Salm 118

RIT: Kemm inħobbha l-liġi tiegħek, Mulej

Mulej, dan hu sehmi,

li nħares il-kelma tiegħek.

Aħjar għalija l-liġi ta’ fommok

mill-eluf ta’ flejjes tad-deheb u l-fidda.

RIT.

 

Tkun it-tjieba tiegħek il-faraġ tiegħi,

skond il-wegħda li għamilt mal-qaddej tiegħek.

Tiġi fuqi tjubitek, biex ikolli l-ħajja;

għax il-liġi tiegħek hi l-għaxqa tiegħi.

RIT.

 

Għalhekk inħobb il-kmandamenti tiegħek,

aktar mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin.

Għalhekk jien nimxi dritt fuq il-preċetti tiegħek,

u nobgħod kull triq qarrieqa.

RIT.

 

Ta’ l-għaġeb huma l-preċetti tiegħek,

għalhekk tħarishom qalbi.

It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl,

ifiehem lil min ma jafx.

RIT.

 


IT-TIENI QARI

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Rum 8, 28-30

Ħuti, aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma

msejħin skond il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid

tagħhom.

Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll

biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost

ħafna aħwa; lil dawk li ppredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li

sejħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom,

igglorifikahom ukoll.

 

Il-Kelma tal-Mulej.



VERSETT
Hallelujah.
Halleluljah.
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,

għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

Hallelujah.

L-EVANĠELJU

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Mt 13, 44-52

F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: ”Is-Saltna

tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u

jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.

Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex

ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu

u xtara lilha.

Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar

li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u

joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu

l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena

mill-ġusti, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm

il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.

Kollu fhimtuh dan? “Iva, qalulu. U hu qalilhom: “Għalhekk kull

kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed

sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim.

Il-Kelma tal-Mulej.