L-EWWEL QARI
Qari mit-Tieni Ktieb
tas-Slaten
2 Slat 4, 8-11.14-16a
Ġurnata waħda Eliżew kien għaddej minn Sunem. Hawn kienet toqgħod mara għanja, u din ġagħlitu
joqgħod jiekol għandha; u kull meta kien jgħaddi minn hemm kien
idur għal għandha biex jiekol hemm. U hi qalet lil żewġha:
“Ara, jien żgura li dan ir-raġel, li jgħaddi għandna sikwit, hu raġel qaddis ta’ Alla. Ħa ntellgħulu għorfa fuq is-setaħ, u nqegħdulu fiha sodda, mejda, siġġu
u mnara, u meta jgħaddi
għandna, ikun jista’ jidħol fiha.”
U ġurnata
waħda wasal hemm, u daħal fl-għorfa, u raqad hemm.
U Eliżew qal lil Ġeħażi, il-qaddej tiegħu: “X’nistgħu nagħmlulha lil din il-mara?” U Ġeħażi wieġbu:
“Jaħasra, ma għandhiex
tfal, u żewġha xiħ!” U wieġbu: “Sejħilha.” U dak sejħilha u ġiet fil-bieb.
U Eliżew
qalilha: “Bħal dan iż-żmien sena, int tkun tħaddan
iben.”
Il-Kelma tal-Mulej
Salm Responsorjali
Salm 68 (69), 8-10.14.17.33-35
Rit: It-tjieba
tal-Mulej irrid dejjem ngħanni
It-tjieba
tal-Mulej irrid dejjem ngħanni;
f’kull żmien
ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.
Għax jien
għedt: “Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem;
bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek”
Rit.
Hieni l-poplu li jaf jgħajjat
bil-ferħ,
li jimxi, Mulej, fid-dawl ta’ wiċċek.
B’ismek jithennew
il-jum kollu, u bil-ġustizzja tiegħek jifirħu.
Rit.
Għax inti l-foħrija
tal-qawwa tagħhom;
għal tjubitek
nerfgħu rasna fl-għoli.
Għax il-Mulej
it-tarka tagħna,
il-Qaddis ta’ Iżrael
is-sultan tagħna.
Rit.
IT-TIENI QARI
Qari mill-ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Rum 6, 3-4.8-11
Ħuti, ma tafux
li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija
sabiex kif Kristu kien imqajjem
mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.
Jekk aħna mitna ma’ Kristu, nemmnu wkoll li għad ngħixu ma’ Kristu. Nafu li Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu. Hu li miet, miet darba għal
dejjem għad-dnub; u issa li qiegħed jgħix, qiegħed jgħix għal Alla. Hekk ukoll
intom għandkom tqisu lilkom infuskom
mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù.
Il-Kelma tal-Mulej
VERSETT
Hallelujah. Halleluljah.
Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali,
nazzjon qaddis, biex ixxandru t-tifħir ta’ dak li
sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu ta’ l-għaġeb.
Hallelujah
L-EVANĠELJU
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Mt 10, 37-42
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: ”Min iħobb lil missieru jew
lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu
iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.
Min isib
lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha.
Min jilqa’ lilkom jilqa’
lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’
lil dak li bagħatni.
Min jilqa’
profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’
bniedem ġust
għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu.
U kull
min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu.”
Il-Kelma tal-Mulej