Daħla
Fil-Mission Statement tal-Pjan ippreżentat u approvat mill-Assemblea tas-Sena l-oħra, flimkien konna ħadna l-impenn biex nagħtu xhieda tal-Kelma ta’ Alla mgħixha u nikbru fil-komunjoni bejnietna bħala komunita’ Parrokkjali.
Jekk inħarsu lejn l-għanijiet tal-Pjan insibu li minbarra l-ħidmiet, laqgħat ta’ formazzjoni, tagħlim għall-adulti, li kienu fil-programm regolari tal-Parroċċa fis-snin ta’ qabel bl-għajnuna ta’ Alla u r-rieda tajba tal-Komunita’ tal-Patrijiet u l-operaturi pastorali imxejna ‘l quddiem b’tali mod li l-biċċa l-kbira tal-proposti diġa’ qed jitħaddmu:
- Liturġija
Il-qasam tal-Liturgija baqa’ wieħed mill-aqwa aspetti b’saħħithom li għandna fil-Parroċċa. Sar titjib sostanzjali fil-quddiesa ta’ kuljum tas-6.30 p.m. kif ukoll jidher li hemm apprezzament għaċ-ċelebrazzjoni ta’ kull nhar ta’ Erbgħa. Wara kampanja permezz ta’ posters fl-iskejjel, ħwienet, etc bdejna l-quddiesa tat-tfal kull tielet Sibt tax-xahar minn April. Din il-quddiesa tkun animata mit-tfal stess.
Kif kien ġie ppjanat, fil-ġimgħa ta’ l-Għaqda tal-Knejjes, il-Moviment tal-Fokolari ħa l-inizjattiva biex tiġi ċċelebrata quddiesa bl-intenzjoni u talb għall-għaqda bejn il-Knejjes.
Rigward il-formazzjoni ta’ dawk involuti fil-liturġija saru laqgħat ta’ formazzjoni spiritwali. Saret laqgħa ta’ prattiċita u direttivi speċifiċi mal-Kor Infaħħru lil Marija. Matul dawn it-tliet xhur iffaċċjajna l-problema serja tan-nuqqas ta’ surmast għall-kor. Wara ħafna sforzi u ħidma fis-skiet, il-Mulej ipprovda lil Mro. Joseph Chircop li ħa t-treġija tal-Kor reċentement.
Tkompliet ukoll il-ħidma ta’ formazzjoni għall-abbatini tagħna biex nassiguraw li dan il-grupp li jagħti s-servizz liturġiku waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ikun ippreprat tajjeb u ma jitbiegħedx mill-għan li għalih huwa mwaqqaf.
Il-jiem ta’ qabel il-Festa titulari kienu esperjenza sabiħa ħafna: rajna parteċipazzjoni aktar qawwija fil-Festi interni hekk ukoll nhar il-Jum tal-Festa tal-Padruna tagħna. Għal dawk li huma Festi Esterni kellna okkażjoni fejn bil-ħidma u entużjażmu tal-Kummissjoni Festa Esterna u dik tal-banda tal-Fgura stajna ntellgħu Festa li kompliet tagħti lill-Fgurin żmien ta’ ferħ u paċi hekk kif jixraq lil Marija Omm il-Karmelu. Ta min isemmi li l-inizjattivi u ħidmiet tal-Kummissjoni Festa mhumiex biss dawk tal-jiem ta’ qabel il-festa imma huma għaddejjin tul is-sena kollha u l-parruċċani japprezzaw din il-ħidma u jikkonkorru għall-inizjattivi mtella’.
- Katekeżi:
Fil-katekeżi li nghatat lill-ġenituri tat-tfal tad-duttrina, is-Soċjeta’ tal-MUSEUM kienu konxji dwar il-qabża fis-snin bejn l-Ewwel Tqarbina u l-Griżma u għalhekk taw formazzjoni dwar l-għixien tas-Sagramenti, il-ħajja fil-familja, il-valuri nsara u l-imħabba u l-maħfra. Il-katekisti tal-MUSEUM iħossu l-ħtieġa biex issir aktar enfasi mal-ġenituri dwar ir-responsabbilta’ ewlenija tagħhom fil-formazzjoni ta’ wliedhom. Huma jfakkru l-kliem ta’ San Ġorġ Preca jiġifieri “It-tagħlim huwa l-għajn ta’ kull ġid”.
Ma nistgħux ma nsemmux b’apprezzament lin-numru ta’ katekisti li qed ikomplu l-impenn tagħhom biex jagħmlu Katekeżi għat-Tfal fil-Quddies tas-Sibtijiet u l-Ħdud: servizz li qed jiġi apprezzat ħafna mhux biss mit-tfal imma wkoll mill-ġenituri u mill-komunita’ parrokkjali kollha.
- Il-Familja
Il-Kummissjoni Familja ġiet rikostruwita b’koppji biex il-ħidma tal-kummissjoni favur il-familji tkun tista’ titwettaq bl-aħjar mod possibbli. Inizjattiva ġdida seħħet għall-ewwel darba f’Novembru li għadda meta saret quddiesa ċċelebrata minn Rev. Joseph Mizzi, Direttur tal-Moviment ta’ Kana għall-koppji li kienu ser jiżżewġu fl-aħħar xhur u għal għarajjes li kienu għamlu l-korsijiet ta’ Kana fil-parroċċa tagħna. Il-Kummissjoni ħadet ħsieb ukoll l-eżercizzi tal-miżżewġin li din is-sena kienu suċċess kbir mhux biss fil-kwalita tagħhom minħabba li l-predikatur intgħoġob ħafna imma wkoll bl-attendenza li baqgħet tiżded minn jum għall-ieħor. Barra minn dan il-Kummissjoni Familja ħadet ħsieb li torganizza ċelebrazzjonijiet għall-familja fi żmien il-Milied u fil-festa. Fil-Gruppi Familji Nsara tal-Parroċċa bħalissa hemm għaxar koppji li jiltaqgħu regolarment biex jirċievu l-formazzjoni meħtieġa. Komplew ukoll il-laqgħat ta’ preprazzjoni tal-ġenituri u l-parrini qabel il-magħmudija kif ukoll il-kors ta’ thejjija immedjata qabel iż-żwieġ
- Id-Djakonija (Id-djalogu mad-Djakonija Unit tal-Caritas tkompla b’mod informali.)
Il-Kummissjoni Djakonija minkejja li formalment ma kienetx qed tiltaqa’ għal tul ta’ żmien kompliet bil-ħidma tal-gruppi/persuni li jaagħmlu parti minnha. Ix-xewqa li l-Kummissjoni taħdem kif suppost b’mod koordinat twettqet meta flimkien mal-Kappillan Fr. Renald Lofreda, O. Carm iltaqgħet u fi spirtu ta’ komunjoni l-persuni qasmu l-ħidma mhux biss dik li kienet ilha għaddejja għal xi snin bħal dik tas-Social Club ta’ l-Anzjani u tal-Grupp Romol u t-tqassim ta’ oġġetti ta’ l-EU, imma wkoll xi ħidmiet li huma fil-pjan għal dawn it-tliet snin.
Fil-Kummisssjoni, kif kien ilu mixtieq, żdiedet persuna żgħażugħa li hi professjonista. Il-kunċett ta’ inklużjoni kompla jimxi ‘l quddiem mhux biss bil-ħidma minn diversi gruppi bħal Legjon ta’ Marija, Azzjoni Kattolika, Moviment tal-Fokolari, imma skond il-Pjan, ingħata bidu għal ħidma favur id-Dar Liedna, Dar għar-Rifuġjati li tinsab f’din il-Parroċċa. L-ewwel inizjattiva qed tittella’ favur s-single mothers ta’ din id-Dar u dawn qed jiġu mgħallma xi crafts li qed jiiġu offruti b’ħafna mħabba u paċenzja minn persuna adulta li għandha ħafna talenti x’toffri, biex dawn ir-rifuġjati jakkwistaw skills li jagħtuhom sodisfazzjon u jsibu skop għal ħin twil battal li jkollhom.
Il-Bereavement visits: tkomplew f’dawn l-aħħar xhur u qed tingħata għajnuna materjali ukoll lil min kellu bżonn.
Ħidma speċifika favur persuni fil-bżonn: Għaddejja ħidma biex tinstab soluzzjoni għal familja li għandha persuna bi ħtiġijiet speċjali li għandhom ħtieġa li joħorġu mid-dar fejn is-saqaf huwa kkundannat u hemm bżonn li jittrasferixxu għal post temporanju b’kera. It-tfittxija għal dan il-post għadha għaddejja.
- Żgħażagħ u Adolexxenti
F’dan il-qasam matul din l-aħħar sena twettqu diversi ħidmiet. Mill-ġdid twaqqaf il-grupp ta’ l-addoloxxenti ta’ bejn –il 11 il-sena u il-ħmistax –il sena bl-isem ta’ Pathway taħt it-tmexxija tas-Sinjura Georgina Linwood. Dan il-grupp taż-żgħażagħ huwa grupp li qed jiffunzjona tajjeb, huwa grupp sod u li anke qed jingħata formazzjoni soda minn kull aspett mhux biss spiritwali. Il-Band Crossbows fil-preżent qed tiffunzjona b’mod tajjeb ħafna. Tagħti servizz tajjeb ħafna mhux biss meta jkun hemm il-quddies taż-żgħażagħ jew xi attivita taż-żgħażagħ imma anke f’attivitajiet oħra mtellgħa mill-parroċċa kemm liturġiċi kif ukoll le. F’laqgħa li saret dan l-aħħar mal-kappillan inħatru żewġ leaders ġodda għall-band u ġie enfasizzat il-punt li ż-żgħażagħ tal-band għandhom jiltaqgħu mhux biss biex ikantaw u jagħmlu l-provi imma wkoll għall-mumenti ta’ formazzjoni kontinwa b’mod speċjali dik spiritwali.
Il-KPAZ matul din l-aħħar sena l-aktar li ħadmet hu fil-qasam tal-Liturġija għaż-żgħażagħ fejn kompliet issaħħaħ il-quddies ta’ l-ewwel Ħadd tax-xahar tal-11.00am u dik tat-tielet Ħadd tax-xahar tas-6.30pm. Kompliet tissaħħaħ l-animazzjoni fejn fil-quddies ta’ fil-għaxija kull darba nieħdu parti mill-quddiesa u nenfasizzaw l-animazzjoni fuqha. Kif jitlob ukoll id-dokument tas-sinodu dwar il-liturgija ġew provduti wkoll power point presentations kif ukoll mimi u sketches biex jikkumplimentaw l-omelija. Dawn ġew provduti wkoll f’quddiesiet oħra tal-Ħdud.
Ippruvajna wkoll ninvolvu l-għaqdiet soċjali taż-żgħażagħ f’inizjattivi tal-KPAz biex hekk noħolqu aktar komunjoni bejnietna u ninvolvu lil kulħadd. Esperiment li rnexxa f’dan l-aspett kienet il-quddiesa għaż-żgħażagħ li l-kappillan il-ġdid iċċelebra ġimgħa qabel il-bidu uffiċċjali tal-ħidma pastorali tiegħu.
Bħal snin oħra saru l-eżerċizzi tar-Randan li kienu suċċess mhux biss fl-attendenza imma wkoll fil-kwalitaÏ tagħhom. F’Awwissu saret attivitaÏ fuq iz-zuntier b’risq il-missjonijiet ġewwa La Paz.
- Il-valur tal-Komunjoni
Dan il-valur importanti mhux biss ideal tas-Sinodu imma fuq kollox għamla ta’ ħajja li aħna msejjħin biex ngħixu. Għamilna passi tajbin imma fadlilna wkoll ħafna x’nimxu. Qsamna riżorsi bejnietna u għamilna ħidmiet flimkien imma ftit konna lesti li nitilfu minn dak li hu tagħna biex ikollna riżultat wieħed flimkien. Għadna wisq marbutin ma’l-idea li l-biċċa xogħol saret mill-għaqda tagħna u li dak li dejjem għamilna aħna għandu jibqa’ jsir minna biss u minn ħadd aktar.
Pass importanti ħafna kien il-ġemellaġġ li għamilna mal-parroċċa ta’ La Paz fil-Bolivja. Bħala parroċċa wrejna sens kbir ta’ komunjoni billi konna ġenerużi ħafna ma’ persuni fil-bżonn li aħna ma nafuhomx u li għandhom kultura differenti għal kollox minn tagħna.
Għeluq
Nixtiequ rroddu ħajr lil Alla ta’ l-għajnuna li tana biex twettqet din il-ħidma fil-parroċċa u fl-istess ħin inħossu li hemm bżonn li aktar persuni jimpenjaw ruħhom u jieħdu sehem fl-okkażjonijiet tal-Parroċċa. Il-preżenza u kontribut ta’ tant Għaqdiet u Movimenti fil-Parroċċa li jirċievu formazzjoni regolari tawgura li FLIMKIEN, bħal l-ewwel insara naslu biex inwettqu fil-prattika l-Motto magħżul għalin minn Mons. Arċisqof: “Meta nintrefa’ mill-art niġbed lil kulħadd lejja”.
|